L-għaqda Slow Food tixtieq li n-nies kollha tad-dinja jkunu jistgħu jgawdu ikel li huwa tajjeb għalihom, tajjeb għal dawk li jkabbruh u tajjeb għall-pjaneta.
Dan kollu jorbot mal-ideja ta’ ikel li jingħaraf minn tlett aspetti li huma marbutin sew ma’ xulxin, jiġifieri ikel li huwa tajjeb, nadif u ġust.
X’nifhmu meta ngħidu ikel TAJJEB? Fil-filosofija Slow Food, Tajjeb ifisser ikel ta’ kwalità, b’togħma tajba u bnin.
Is-sistema dinjija tal-produzzjoni tal-ikel tagħfas l-aktar fuq agrikoltura intensiva, li tuża ħafna pestiċidi u demel artifiċjali. Ħafna mill-ikel li nieklu huwa pproċessat iżżejjed, b’ħafna kaloriji u mimli addittivi, preservattivi, zokkor u xaħmijiet saturati li xejn m’huma tajbin għas-saħħa tal-bniedem. Dan qed iħarbat il-bilanċ ambjentali, ekonomiku u soċjali, l-aktar f’pajjiżi dgħajfa. Qed iżid ukoll il-problemi tas-saħħa pubblika bħal ħxuna żejda u dieta nieqsa minn ċerti nutrijenti essenzjali.
Slow Food qed taħdem biex iġġib ’il quddiem mudelli ta’ produzzjoni, ipproċessar u konsum li huma kemm jista’ jkun sostenibbli u li jħarsu s-saħħa kemm tal-individwi kif ukoll tal-pjaneta.
Ħafna nies jaħsbu li dieta tajba tfisser li wieħed jibqa’ lura milli jiekol tajjeb, li jnaqqas mill-kaloriji, u li jiekol ikel monotonu. Dan m’għandux ikun, għax bi ftit ħsieb l-ikel li nieklu jista’ jkun tajjeb għas-saħħa u pjaċevoli fl-istess ħin.
L-ikel li hu tajjeb għalina tajjeb ukoll għall-ambjent u għall-komunità.
Imma kif nistgħu nieklu ikel tajjeb kuljum? M’għandniex għalfejn nivvintaw xejn ġdid; kulma rridu nagħmlu hu li ngħożżu t-tradizzjonijiet gastronomiċi tagħna.
Nieklu mhux biss għall-bżonn, iżda wkoll għall-pjaċir!
Il-programm Ark of Taste, immexxi minn Slow Food, qed jgħin sabiex nerġgħu niskopru ikel tajjeb marbut mat-tradizzjoni. Ark of Taste qed iddur id-dinja biex tiġbor tagħrif fuq metodi ta’ produzzjoni ta’ kwalità u fuq skala żgħira. Dawn jappartjenu lill-kulturi, lill-istorja u lit-tradizzjonijiet tal-pjaneta kollha: wirt straordinarju ta’ frott, ħaxix, razez ta’ annimali, ġobnijiet, ħobż, ħelu u prodotti tal-laħam…
L-Ark of Taste nħolqot biex ixxandar l-eżistenza ta’ dawn il-prodotti, u biex tfakkar fir-riskju li fi żmien ftit ġenerazzjonijiet dawn l-istess prodotti jistgħu jisparixxu għal kollox.
L-Ark of Taste qed tistieden lil kulħadd jagħti sehmu. F’ċerti każi, jeħtiġilna nerġgħu niskopru mill-ġdid dawn il-prodotti u nerġgħu npoġġuhom fuq il-mejda. Jeħtieġ li ngħinu lill-produtturi billi nieklu l-prodotti tagħhom, u b’hekk inħeġġuhom ikomplu jirrakkontaw l-istejjer tagħhom. F’każi oħra, bħal ngħidu aħna fil-każ ta’ speċi selvaġġi fil-periklu, jista’ jkun aħjar li ma nikluhomx, jew li nieklu inqas minnhom, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jitkattru u jirkupraw.
Sib it-tifsira sħiħa fis-Sejħa għall-Azzjoni Slow Food
MedSNAIL, Sustainable Networks for Agro-food Innovation Leading in the Mediterranean, huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Programm ENI CBC Med u mwettaq bi sħab mal-Federazzjoni Andalusa tal-Muniċipalitajiet u l-Provinċji (Spanja), il-Fondazzjoni Slow Food għall-Bijodiversità (l-Italja), l-Università Amerikana ta’ Bejrut (il-Libanu), is-Soċjetà tal-Iżvilupp tan-Nisa Rurali – RWDS (il-Palestina), l-Università ta’ Sfax (it-Tuneżija), il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (Malta), u Nisa għall-Iżvilupp Kulturali (Namaa) (il-Ġordan).