L-aktar sistemi komuni ta’ produzzjoni u konsum tal-ikel illum huma ta’ ħsara għad-dinja, għall-ekosistemi tagħha u għall-popli li jgħixu fiha.
Qegħdin kontinwament jheddu t-togħma u l-benna tal-ikel, il-bijodiversità, is-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, kif ukoll in-natura. Dan kollu jnaqqas mill-ħeġġa li nkabbru u ngawdu ikel bnin li jtina pjaċir, mingħajr ma nagħmlu ħsara lil ħaddieħor jew lill-bilanċ ambjentali tal-pjaneta li ngħixu fuqha.
Jekk, kif jgħid il-bidwi poeta Wendell Berry, “l-ikel huwa att agrikolu”, allura jfisser li l-produzzjoni tal-ikel għandha titqies bħala “att gastronomiku”.
Il-konsumatur isawwar is-swieq u l-mezzi ta’ produzzjoni, u meta l-istess konsumatur jagħraf li dan il-proċess qed iseħħ bis-saħħa tal-għażliet tiegħu, allura s-sehem tiegħu jinbidel: il-konsum isir parti mill-att produttiv, u għaldaqstant il-konsumatur isir ko-produttur.
Il-produttur ukoll għandu sehem ewlieni f’dan il-proċess, billi jagħmel ħiltu sabiex itejjeb il-kwalità tal-prodott, billi jaqsam l-esperjenza tiegħu, u billi jitgħallem mill-għerf ta’ ħaddieħor.
Għaldaqstant huwa kritiku li l-ikel li nixtru u nieklu mhux biss ikun tajjeb, iżda wkoll nadif u ġust.
X’nifhmu meta ngħidu ikel NADIF? Sempliċi, Nadif jiġifieri produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u, fl-istess ħin, li ma tkunx ta’ theddida għal produzzjonijiet tradizzjonali billi toqtol il-bijodiversità u mezzi ta’ produzzjonijiet fuq skala żgħira.
Il-programm Ark of Taste, immexxi minn Slow Food, qed jgħin sabiex nerġgħu niskopru ikel tajjeb marbut mat-tradizzjoni. Ark of Taste qed iddur id-dinja biex tiġbor tagħrif fuq metodi ta’ produzzjoni ta’ kwalità u fuq skala żgħira. Dawn jappartjenu lill-kulturi, lill-istorja u lit-tradizzjonijiet tal-pjaneta kollha: wirt straordinarju ta’ frott, ħaxix, razez ta’ annimali, ġobnijiet, ħobż, ħelu u prodotti tal-laħam…
L-Ark of Taste nħolqot biex ixxandar l-eżistenza ta’ dawn il-prodotti, u biex tfakkar fir-riskju li fi żmien ftit ġenerazzjonijiet dawn l-istess prodotti jistgħu jisparixxu għal kollox.
L-Ark of Taste qed tistieden lil kulħadd jagħti sehmu. F’ċerti każi, jeħtiġilna nerġgħu niskopru mill-ġdid dawn il-prodotti u nerġgħu npoġġuhom fuq il-mejda. Jeħtieġ li ngħinu lill-produtturi billi nieklu l-prodotti tagħhom, u b’hekk inħeġġuhom ikomplu jirrakkontaw l-istejjer tagħhom. F’każi oħra, bħal ngħidu aħna fil-każ ta’ speċi selvaġġi fil-periklu, jista’ jkun aħjar li ma nikluhomx, jew li nieklu inqas minnhom, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jitkattru u jirkupraw.
Sib it-tifsira sħiħa fis-Sejħa għall-Azzjoni Slow Food
MedSNAIL, Sustainable Networks for Agro-food Innovation Leading in the Mediterranean, huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Programm ENI CBC Med u mwettaq bi sħab mal-Federazzjoni Andalusa tal-Muniċipalitajiet u l-Provinċji (Spanja), il-Fondazzjoni Slow Food għall-Bijodiversità (l-Italja), l-Università Amerikana ta’ Bejrut (il-Libanu), is-Soċjetà tal-Iżvilupp tan-Nisa Rurali – RWDS (il-Palestina), l-Università ta’ Sfax (it-Tuneżija), il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (Malta), u Nisa għall-Iżvilupp Kulturali (Namaa) (il-Ġordan).