L-għaqda Slow Food tixtieq li n-nies kollha tad-dinja jkunu jistgħu jgawdu ikel li huwa tajjeb għalihom, tajjeb għal dawk li jkabbruh u tajjeb għall-pjaneta.
Aspett importanti ta’ dan l-għan huwa l-ġustizzja soċjali. Biex ikollna l-ġustizzja soċjali jeħtiġilna noħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw lin-nies bid-drittijiet kollha tagħhom, u li jirrendu ħlas xieraq. Dan iseħħ biss jekk insibu bilanċ fl-ekonomiji tad-dinja, permezz tas-solidarjetà bejn il-bnedmin, u fir-rispett tad-diversitajiet u tat-tradizzjonijiet kulturali.
Yara Dowani, ko-fundatriċi u kelliema għar-razzett Om Sleiman fil-Palestina, tispjega li għall-organizzazzjoni Slow Food “li tiekol ikel ġust ifisser li tiekol ikel nadif, lokali u tajjeb għas-saħħa, li jkollok ikel li kulħadd jista’ jsibu u jiflaħ jixtrih, u li l-bdiewa jieħdu dak li jistħoqqilhom ta’ xogħolhom: rikonoxximent, rispett, ħlas ġust. Ifisser li l-konsumaturi jkunu jafu minn fejn jiġi l-ikel tagħhom, u li jkollhom il-libertà tal-għażla dwar dak li jieklu u jikkunsmaw. Jekk ma jkunx hekk, allura tkun inġustizzja”. Link għall-intervista.
Għall-filmat Slow Food dwar l-ikel ĠUST: ikklikkja hawn
Il-konsumatur isawwar is-swieq u l-mezzi ta’ produzzjoni, u meta l-istess konsumatur jagħraf li dan il-proċess qed iseħħ bis-saħħa tal-għażliet tiegħu, allura s-sehem tiegħu jinbidel: il-konsum isir parti mill-att produttiv, u għaldaqstant il-konsumatur isir ko-produttur.
Il-produttur ukoll għandu sehem ewlieni f’dan il-proċess, billi jagħmel ħiltu sabiex itejjeb il-kwalità tal-prodott, billi jaqsam l-esperjenza tiegħu, u billi jitgħallem mill-għerf ta’ ħaddieħor. L-isforz għandu jkun wieħed komuni u jrid isir fl-istess spirtu ta’ koperazzjoni attiva bejn l-oqsma, l-istess bħax-xjenza tal-gastronomija.
B’dan il-mod, li tiekol u tkabbar l-ikel isiru atti politiċi!
Slow Food qed taħdem biex iġġib ’il quddiem mudelli ta’ produzzjoni, ipproċessar u konsum li huma kemm jista’ jkun sostenibbli u li jħarsu s-saħħa kemm tal-individwi kif ukoll tal-pjaneta.
Fost dawn it-tipi ta’ produzzjoni nsibu l-prodotti kollha tal-Ark of Taste ta’ Slow Food, prodotti li m’humiex biss tajbin, nodfa u ġusti, imma huma wkoll mhedda li jinqerdu għal kollox. Ark of Taste qed iddur id-dinja biex tiġbor tagħrif fuq metodi ta’ produzzjoni ta’ kwalità u fuq skala żgħira. Dawn jappartjenu lill-kulturi, lill-istorja u lit-tradizzjonijiet tal-pjaneta kollha: wirt straordinarju ta’ frott, ħaxix, razez ta’ annimali, ġobnijiet, ħobż, ħelu u prodotti tal-laħam…
L-Ark of Taste nħolqot biex ixxandar l-eżistenza ta’ dawn il-prodotti, u biex tfakkar fir-riskju li fi żmien ftit ġenerazzjonijiet dawn l-istess prodotti jistgħu jisparixxu għal kollox.
L-Ark of Taste qed tistieden lil kulħadd jagħti sehmu. F’ċerti każi, jeħtiġilna nerġgħu niskopru mill-ġdid dawn il-prodotti u nerġgħu npoġġuhom fuq il-mejda. Jeħtieġ li ngħinu lill-produtturi billi nieklu l-prodotti tagħhom, u b’hekk inħeġġuhom ikomplu jirrakkontaw l-istejjer tagħhom. F’każi oħra, bħal ngħidu aħna fil-każ ta’ speċi selvaġġi fil-periklu, jista’ jkun aħjar li ma nikluhomx, jew li nieklu inqas minnhom, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jitkattru u jirkupraw.
Sib it-tifsira sħiħa fis-Sejħa għall-Azzjoni Slow Food
MedSNAIL, Sustainable Networks for Agro-food Innovation Leading in the Mediterranean, huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Programm ENI CBC Med u mwettaq bi sħab mal-Federazzjoni Andalusa tal-Muniċipalitajiet u l-Provinċji (Spanja), il-Fondazzjoni Slow Food għall-Bijodiversità (l-Italja), l-Università Amerikana ta’ Bejrut (il-Libanu), is-Soċjetà tal-Iżvilupp tan-Nisa Rurali – RWDS (il-Palestina), l-Università ta’ Sfax (it-Tuneżija), il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (Malta), u Nisa għall-Iżvilupp Kulturali (Namaa) (il-Ġordan).