L-Ark of Taste ta’ Slow Food iddur il-Mediterran bis-saħħa tal-proġett MedSNAIL

Il-pajjiżi tal-Mediterran huma tassew miżgħuda bi prodotti tal-ikel ta’ kull tip li għandhom għeruq fondi fil-kultura tal-biedja tal-post. Għaldaqstant dawn il-prodotti għandhom sehem mill-bijodiversità lokali filwaqt li jagħmlu parti essenzjali mid-dieta Mediterranja. Il-qasam tat-tkabbir tal-ikel f’dawn il-pajjiżi qed jiffaċċja sfidi kbar. Naqra naqra qed jintilfu ħafna varjetajiet lokali; qed jiżdied il-faqar rurali (li l-aktar jaffettwa lin-nisa); l-imprendituri rurali dejjem b’inqas mezzi x’jinvestu; u qed jinħass in-nuqqas ta’ taħriġ fejn jidħlu s-sostenibbiltà soċjo-ambjentali, l-istrateġiji u l-ippjanar tan-negozju, is-swieq u l-bejgħ.

L-għan tal proġett MedSNAIL (Sustainable Networks for Agro-food Innovation Leading in the Mediterranean) huwa li jindirizza dawn il-problemi billi jsaħħaħ il-kummerċ ta’ prodotti tal-ikel li jitkabbru b’mod tradizzjonali u fuq skala żgħira, biex b’hekk jitjieb il-potenzjal tas-suq u s-sostenibbiltà soċjo-ambjentali.

L-attivitajiet tal-proġett huma bbażati fuq l-esperjenza, il-prinċipji u l-metodi ta’ Slow Food. Din hija organizzazzjoni internazzjonali favur l-ikel tradizzjonali li tiffoka fuq il-preservazzjoni tal-bijodiversità u r-rispett tal-art u tal-kultura lokali.

Il-bijodiversità hija mhedda mad-dinja kollha, speċjalment dik marbuta mal-biedja tal-familja u fuq skala żgħira. Ir-raġunijiet huma ħafna, u hawnhekk nistgħu nsemmu xi ftit minnhom: l-industrijalizzazzjoni tal-biedja, it-tnaqqir tal-wirt ġenetiku, id-drawwiet dejjem jinbidlu marbuta mal-ikel, it-tibdil fil-klima, l-abbandun taż-żoni rurali, il-migrazzjoni u l-konflitti.

Kollha kemm aħna jeħtieġ nagħmlu kull m’hemm bżonn biex insalvaw li fadal.

Għaqdiet mhux governattivi u għaqdiet oħra qed jagħmlu li jistgħu sabiex jiddefendu l-wirt imprezzabbli tagħna ta’ frott, ħaxix, razez tal-bhejjem, ġobon, ħobż, ħelu u prodotti tal-laħam. Biss kull wieħed minna jista’ jagħżel bil-għaqal meta nkunu qed nixtru l-ikel, jiġbed l-attenzjoni fuq prodotti li qed jonqsu u jgħin biex isalvahom.

Din hija l-ideja tal-programm Ark of Taste ta’ Slow Food: li jagħti l-mezzi biex ilkoll kemm aħna nkunu nistgħu nagħmlu xi ħaġa.

Slow Food kienet nediet l-Ark of Taste fl-1996. Il-programm idur id-dinja jiġbor tagħrif fuq prodotti ta’ kwalità fuq skala żgħira li jappartjenu għall-kulturi, l-istorja u t-tradizzjonijiet tad-dinja kollha.

L-Ark of Taste nħolqot biex ixxandar dawn il-prodotti u r-riskju li fi żmien ftit ġenerazzjonijiet jistgħu jisparixxu għal kollox. Bħalissa fiha aktar minn 5000 prodott minn 150 pajjiż.

Bis-saħħa tal-kontribut ta’ ħafna nies minn madwar id-dinja, Slow Food s’issa kkatalogat eluf ta’ prodotti. Minkejja dan, għad fadal ħafna xi jsir. Il-proġett MedSNAIL qed jiskopri prodotti oħra fil-pajjiżi tagħhom u jqegħedhom fl-Ark of Taste, u għalhekk permezz tal-proġett l-Ark of Taste issa qed iddur il-Ġordan, il-Libanu, Malta, il-Palestina, Spanja u t-Tuneżija.

Hawnhekk tista’ ssib il-kriterji għall-inklużjoni fl-Ark of Taste ta’ Slow Food

Iktar informazzjoni:

https://www.fondazioneslowfood.com/en/what-we-do/the-ark-of-taste/24632-2/

https://www.fondazioneslowfood.com/wp-content/uploads/2019/04/ING_biodiversity_LR-1.pdf

https://www.fondazioneslowfood.com/wp-content/uploads/2019/04/ING_libretto_arca.pdf

MedSNAIL, Sustainable Networks for Agro-food Innovation Leading in the Mediterranean, huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Programm ENI CBC Med u mwettaq bi sħab mal-Federazzjoni Andalusa tal-Muniċipalitajiet u l-Provinċji (Spanja), il-Fondazzjoni Slow Food għall-Bijodiversità (l-Italja), l-Università Amerikana ta’ Bejrut (il-Libanu), is-Soċjetà tal-Iżvilupp tan-Nisa Rurali – RWDS (il-Palestina), l-Università ta’ Sfax (it-Tuneżija), il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (Malta), u Nisa għall-Iżvilupp Kulturali (Namaa) (il-Ġordan).

Scroll to Top